“IL-KTEJJEB TAL-ĦREJJEF”
KTIEB TA’ LORNA VASSALLO
“Il-Ktejjeb tal-Ħrejjef” huwa ktieb ta’ Lorna Vassallo li huwa maħsub li jqanqal kritika ferm itwal mill-ktieb innifsu. Ġewwa l-ħrafa jaħbi wkoll il-verita` u sta għall-qarrej li jifhem l-istorja kollha, partijiet minnha jew xejn. Hija ħrafa ħelwa li tintlaqa’ tajjeb minn kull tifel u tifla li ser jippruvaw jiżbħu d-diżinji li jakkumpanjaw ir-rakkont mħejjija b’reqqa liema bħalha mill-artist żgħażugħ Mark Scicluna. Għalhekk, filwaqt li t-tfal b’leħen ferrieħi jaqraw ir-rakkont fejn “il-paġġi u l-muskettiera tar-Re jiġbru l-flejjes”, bħala adulti, min-naħa tagħkom, tiftakru bil-mod il-mod il-problemi tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-prezzijiet tal-medicina fl-ispiżeriji, u l-kaxxa ta’ Malta fejn il-flejjes dejjem jonqsu u qatt ma jiżdiedu.
Dinja monarkika li kumbinazzjoni hija regolata minn sistema demokratika bħal tagħna. Il-ktieb jinbex kemm l-intelliġenza kif ukoll l-immaġinazzjoni tal-qarrej, jisfidalu l-maturita` tiegħu kif ukoll l-għarfien tal-avvenimenti u l-iskandli politiċi li seħħew mill-2001 sal-2005. Dawn is-snin kienu erba’ snin ta’ taqlib politiku kbir, fejn wara referendum, Malta għaddiet għal elezzjoni ġenerali, għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea, għall-elezzjonijiet interni taż-żewġ partiti prinċipali, għall-bdil fil-presidenza u għall-ewwel elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Iżda matul dan iż-żmien kollu l-ekonomija baqgħet sejra dejjem lura. Skandlu wara l-ieħor ixxandru fil-bulettini tal-aħbarijiet li lil xi wħud ixxukkjawhom, iżda oħrajn, frott tal-fiduċja għamja li kellhom fir-Re ċaħduhom mingħajr ma staqsew l-ebda mistoqsija dwarhom. Kif jiġri dan kollu fid-dinja, jew aħjar, ir-Renju, tal-Gżira ċ-Ċkejkna? Kif irnexxielha Lorna Vassallo tiddeskrivi elezzjonijiet moderni bi kliem semitiċi u b’sempliċità li fuq il-wiċċ tal-istorja ma ddaħħallek l-ebda dubju li dik hija sempliċement ħrafa?
U x’se jgħidu t-tfal wara li jaqrawha? Ser togħġobhom? Min ser ikun il-karattru favorit tagħhom? U fl-innoċenza tagħhom lil min ser jikkundannaw ? Lir-Re Żemenda ? Lir-Re l-Ġid ? Jew lill-Ġeneral Albus ? U min huma dawn it-tlieta fil-politika Maltija? Veru li kien hemm xi seħer marbut mal-kamra tal-flus biex jisparixxihom? Jew dan is-seħer ma kienx ħlief skuża biex il-paġġi tar-Re ma jħossux il-kuxjenza tniggiżhom u jikkundannaw lir-Re tagħhom stess?
“Il-Ktejjeb tal-Ħrejjef”għalhekk huwa verament ħrafa għal kull eta`. Ammont limitat ta’ kopji minn dan il-ktieb qed jingħataw b’xejn lil dawk li jattendu l-attivitajiet ta’ Lorna Vassallo għall-ewwel darba. Jekk tridu tiksbu kopja ta’ dan il-ktieb mod ieħor tistgħu tikkuntattjaw lil Lorna Vassallo jew it-tim tagħha fuq vassallolorna@gmail.com jew www.facebook.com/lejnmaltaaaa jew inkella fuq is-sezzjoni ta’ kuntatt ta’ din il-paġna elettronika.