Il-Parlament Ewropew (PE) huwa l-unika istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea eletta direttament mill-poplu. Kull Stat Membru jivvota sabiex itella’ l-Membri Parlamentari Ewropej tiegħu. Għalhekk dan jagħmilha, l-aktar istituzzjoni demokratika. Il-PE għandu tliet rwoli prinċipali li jinkludu: id-dibattiti u l-proċess sabiex tgħaddi leġislazzjoni tal-UE, flimkien mal-Kunsill; l-iskrutinizzar ta’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, partikularment tal-Kummissjoni, sabiex jassigura li qed jaħdmu b’mod demokratiku kif ukoll sabiex jiddiskuti u jaddotta l-Baġit tal-UE, flimkien mal-Kunsill. Bażikament, il-PE jeżerċita l-funzjoni leġislattiva tal-UE. F’ċerti proċeduri leġislattivi speċjali, il-PE jista’ jkun ikkonsultat jew inkella jista’ jkun hemm bżonn il-kunsens tiegħu, però m’għandux is-setga li jibdel l-att.
Barra minn hekk, il-PE jiskrutinizza dak kollu li tagħmel il-Kummissjoni, billi jagħmel il-mistoqsijiet, jistabilixxi Kumitati ta’ Inkjesta kif ukoll jaħtar il-President tal-Kummissjoni. Il-PE jagħti wkoll l-opinjoni tiegħu dwar is-suġġetti li huma parti mill-aġenda tal-Laqgħat Għolja tal-Kunsill Ewropew. Għalhekk, wieħed irid jifhem li għalkemm il-PE, il-Kummissjoni u l-Kunsill huma istituzzjonijiet separati, il-ħidmiet tagħhom huma magħġuna sewwa flimkien u jeħtiġilhom jaħdmu flimkien mill-qrib.
L-elezzjonijiet tal-PE li jmiss se jsiru mit-23 sas-26 ta’ Mejju 2019 fis-27 stat kollha tal-UE. F’Malta dawn l-elezzjonijiet se jsiru fil-25 ta’ Mejju 2019. Tajjeb li l-votanti jiftakru li f’dawn l-elezzjonijiet m’hemmx distretti, u għalhekk l-elettorat jista’ jivvota lil liema kandidat/a j/trid ikun minn fejn ikun f’Malta. Fil-fatt kemm jekk inti mill-Mellieħa, minn l-Isla jew minn Għawdex dan dejjem jippermettilek tivvota għall-istess kandidati.
Il-barranin kollha li huma ċittadini tal-UE u li joqogħdu f’Malta, fil-bidu jkunu mlew karta fejn iddeċidew jekk għal tali elezzjonijiet jivvutawx għall-kandidati tal-pajjiż li huma ċittadini tiegħu jew inkella għal dawk tal-pajjiż li qed jgħixu fih. Ħafna barranin jagħżlu li jivvutaw għall-kandidati tal-pajjiż li qed jgħixu fih. Għalhekk, f’din l-elezzjoni f’Malta jivvutaw ukoll ħafna ċittadini tal-UE allavolja mhumiex ċittadini Maltin.
Maltin li joqogħdu f’pajjiżi tal-UE, jekk iddeċidew li jibqgħu jivvutaw Malta, ukoll jivvutaw għall-elezzjonijiet tal-PE f’Malta skont kif iddeċidew oriġinarjament.
Barranin li mhumiex ġejjin minn pajjiżi Membri tal-UE, inklużi dawk mir-Renju Unit, jistgħu jivvutaw biss jekk huma eliġibbli jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali.
Fl-elezzjoni tal-PE tal-2019 se jivvutaw ukoll dawk li għandhom minn sittax sa tmintax-il sena għall-ewwel darba. Malta hija t-tieni pajjiż fl-Ewropa li niżżlet l-età tal-eliġibbilità tal-vot għal sittax.
Fl-istess ġurnata tal-elezzjoni tal-PE jsiru wkoll l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Kull min hu eliġibbli li jivvota fl-elezzjoni tal-PE huwa wkoll eliġibbli jivvota għall-Kunsilli Lokali, inklużi ċittadini tal-UE li joqogħdu Malta, u żgħażagħ minn sittax-il sena ’l fuq.
Għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fi kliem ieħor, jistgħu jivvutaw dawk kollha li isimhom jidher fl-aħħar Reġistru Elettorali maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali ta’ Malta.
Fi kwalunkwe każ jekk għandek dubju jekk inti, membri tal-familja tiegħek jew ħbieb għandhomx dritt jivvutaw tista’ tikkuntattja lil Lorna Vassallo fuq www.facebook.com/lejnmaltaaaa (Lorna Vassallo Page), ċempel 79443906 jew ibgħat imejl lil vassallolorna@gmail.com bl-isem, il-kunjom, il-lokalità u n-Numru tal-Identità tal-persuna li tixtieq tkun taf hix intitolata tivvota.
Għal aktar informazzjoni
https://www.gov.mt/en/Life%20Events/resformalities/Pages/Elections.aspx